Żewġ persuni arrestati b’rabta ma’ aggressjoni

Numru ta' Referenza: PR_314_21, Data ta' l-Istqarrija : Mej 02, 2021
 
Illum, għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħodu (0645hrs), il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm argument fi Triq il-Kbira, San Ġiljan.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u l-ewwel investigazzjonijiet juru li  raġel ta’ 72 sena li jgħix San Ġiljan, hekk kif mar iwaqqaf żewġ persuni li kienu qegħdin jagħmlu ħsara fuq vettura pparkkjata tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, aggredewh u ħarbu minn fuq il-post.

Aktar tard, iż-żewġ persuni ġew identifikati; Irlandiż u Spanjola ta’ 23 sena li jgħixu San Ġiljan. Huma ġew arrestati ftit tal-ħin wara fi Triq Karmnu, San Ġiljan.

Ir-raġel ta’ 72 sena ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Il-mara u r-raġel qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan għadhom għaddejjin.