L-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kompliet bil-ħidma tagħha kontra t-traffikar tad-droga. Fl-aħħar sigħat, ġie arrestat raġel ta' 31 sena residenti l-Belt Valletta wara li nqabad fil-pussess ta' ammont ta' droga kokaina u ħaxixa tal-kannabis.
Wara informazzjoni li waslet għand il-Pulizija, ilbieraħ, uffiċjali għamlu tfittxija ġewwa kamra f’lukanda f’San Ġiljan. Waqt din it-tfittxija, instabu ammont ta’ pakketti ta’ droga suspettata kokaina u ħaxixa tal-cannabis, flimkien ma’ ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.
Minn tfittxijiet oħra li saru fir-residenza tal-persuna fil-Belt, instabu xi pakketti oħra b’sustanza suspettata ħaxixa tal-cannabis u oġġetti oħra relatati mal-abbuż tad-droga.
Ir-raġel inżamm arrestat fil-Kwartieri Ġeneral tal-Pulizija, il-Floriana, u tressaq il-Qorti taħt arrest illum għall-ħabta tal-għaxra (1000hrs) quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras LL.D.
Huwa ma ammettiex l-akkużi fil-konfront tiegħu u ingħata il-ħelsien mill-arrest b'diversi kundizzjonijiet.
Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion.