Ilbieraħ, għall-ħabta tat-tmienja u kwart ta’ filgħaxija (2015hrs), il-Pulizija ġiet infurmata b’serqa minn ħanut fi Triq San Luqa, Wied il-Għajn.
Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel kien daħal fil-ħanut, qabad sikkina, mexa lejn il-kaxxier u talbu l-flus. Il-kaxxier, raġel ta’ 70 sena residenti Ħal Tarxien, irrifjuta li jagħti l-flus u anke rreżista l-aggressur li ħarab minn fuq il-post wara li seraq ftit muniti.
Waqt din is-serqa, il-vittma sofra xi ġrieħi u wara li ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku, ittieħed ġewwa ċ-ċentru tas-saħħa għal aktar assistenza.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Audrey Demicoli LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.