Arrestati tliet persuni b’rabta ma’ żewġ omiċidji

Numru ta' Referenza: PR_146_21, Data ta' l-Istqarrija : Fra 23, 2021
 
Il-Pulizija rċeviet informazzjoni importanti li tikkorrabora evidenza diġa’ fil-pussess tagħha fir-rigward tal-omiċidji tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia fl-2017 u tal-Avukat Carmel Chircop li kien seħħ fl-2015 f’Birkirkara.

Għaldaqstant, illum, għal xi s-siegħa ta’ waranofsinhar (1300hrs) il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tal-Iskwadra tal-Omiċidji, assistiti mill-Ispecial Intervention Unit, esegwew mandati ta’ arrest fil-konfront ta’ tliet persuni. Dawn l-arresti twettqu f’żewġ operazzjonijiet konġunti fil-Baħrija fejn ġew arrestati żewġt irġiel u fis-Swieqi fejn ġiet arrestata t-tielet persuna.

It-tliet persuni qed jgħinu fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop, filwaqt li tnejn minn dawn it-tliet persuni qed jgħinu wkoll fl-istħarriġ marbut mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.