Isofri ġrieħi serji wara waqa’ minn għoli

Numru ta' Referenza: PR_82_20, Data ta' l-Istqarrija : Fra 13, 2020
 
​Raġel ta’ 59 sena residenti x-Xewkija, Għawdex, sofra ġrieħi serji f’inċident li seħħ f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq San Blas, in-Nadur.
Ilbieraħ, għall-ħabta tas-siegħa neqsin għaxra (1250hrs), il-Pulizija ġiet infurmata mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li permezz ta’ vettura privata, kien twassal raġel għall-kura fl-Isptar, wara li waqa’ min xi għoli f’sit ta’ kostruzzjoni.
Mill-investigazzjonijiet preliminari li saru mill-Pulizija rriżulta li fil-ħin tal-inċident, ir-raġel seta’ kien nieżel sellum, waqa’ u ħabat rasu ma’ ħajt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Simone Grech LL.D li ħatret inkjesta, mgħejjuna minn esperti maħtura minnha. L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident, li qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett, għadhom għaddejjin.