Raġel jitlef ħajtu wara waqa’ minn għoli fl-Imtaħleb

Numru ta' Referenza: PR_73_20, Data ta' l-Istqarrija : Fra 09, 2020
 

Raġel ta’ 29 sena residenti San Ġwann, sfortunatament tilef ħajtu waqt li kien qed jistad fiż-żona magħrufa bħala Għar id-Dwieb, fl-Imtaħleb, fil-limiti tar-Rabat.

Għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu (0830hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza minħabba li raġel waqa’ minn għoli minn fuq l-irdumijiet. Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post indikat fejn mill-ewwel intalbet l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll ta’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei u membri tal-Protezzjoni Ċivili.

Fuq il-post intbgħatet patrol boat, li wara li r-raġel instab, issejjaħ ħelikopter fejn bdiet operazzjoni ta’ salvataġġ biex jittella minn fejn waqa’. Ir-raġel tniżżel fit-triq ta’ mal-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, fejn ingħata l-ewwel għajnuna, iżda sfortunament ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tabib tal-emerġenza.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello LL.D, li marret fuq il-post sabiex tmexxi inkjesta, mgħejjuna minn diversi esperti li nħatru biex jassistu fl-inkjesta Maġisterjali.

L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.