Arrestati numru ta’ immigranti maħruba

Numru ta' Referenza: PR_726_20, Data ta' l-Istqarrija : Ott 26, 2020
 
Immigranti li kienu mfittxija wara li fil-ġimgħat li għaddew ħarbu minn ċentri ta’ detenzjoni, inqabdu lbieraħ wara nofsinhar, f’operazzjoni konġunta bejn diversi taqsimiet tal-Pulizija.

L-operazzjoni, immexxija mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta, bdiet f’xi s-sagħtejn ta’ waranofsinhar (1400hrs). Assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, tal-Immigrazzjoni u tad-Distrett tal-Ħamrun, iċċirkondaw residenza fi Triq il-Kappillan Mifsud, il-Ħamrun, wara informazzjoni li xi immigranti kienu qegħdin jistaħbew fiha.

Malli ndunaw bil-preżenza tal-pulizija, l-erbgħa immigranti pruvaw jaħarbu minn fuq il-bjut, iżda nqabdu mill-ewwel.

L-irġiel, tliet Marokkini u Alġerin, tressqu b’arrest il-Qorti, aktar kmieni llum, quddiem il-Maġistrat Dr Marsanne Farrugia LL.D, akkużati li ħarbu minn post ta’ detenzjoni. Tnejn mill-irġiel kienu akkużati wkoll li kissru il-paċi pubblika u kienu fis-sakra fil-Belt Valletta fl-24 t’Ottubru. Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi u ma għamlux talba għal ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Michael Vella u Doriette Cuschieri.