Tnejn isofru griehi f'inċident tat-traffiku fil-Ħamrun

Numru ta' Referenza: PR_70_20, Data ta' l-Istqarrija : Fra 07, 2020
 

Żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei, wara li kienu involuti f’inċident stradali fil-Ħamrun.


Ilbieraħ, għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħaxija (2100hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun seħħet ħabta bejn żewġ vetturi u hemm xi nies li sofrew xi ġrieħi.


Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn vettura tat-tip BMW 520D misjuqa minn raġel Sirjan ta’ 21 sena, residenti Ħal Qormi u vettura tat-tip VW Golf misjuqa minn raġel ta’ 65 sena residenti ż-Żurrieq.


Raġel Sirjan ta’ 22 sena, residenti Ħal Qormi kien passiġġier fil-vettura BMW filwaqt li mara ta’ 71 sena, residenti Birkirkara kienet passiġġiera fil-vettura VW. Żewġ vetturi pparkjati tal-għamla Peugeot u Ford ġarrbu xi ħsarat konsegwenza tal-impatt.


Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lill-passiġġiera ta’ 71 sena u x-xufier ta’ 65 sena, l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.


Il-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi.


L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.