Mara ssofri griehi f'incident stradali fiz-Zejtun

Numru ta' Referenza: PR_69_20, Data ta' l-Istqarrija : Fra 06, 2020
 

Mara ta’ 26 sena, residenti Marsaskala, sofriet ġrieħi gravi kawża ta’ inċident tat-traffiku fiż-Żejtun.

 

Dalgħodu, għall-ħabta tas-sebgħa u nofs (0730hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas, iż-Żejtun seħħet ħabta u hemm xi persuna li sofriet xi ġrieħi.

 

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Citroen C4 Cactus misjuqa minn raġel ta’ 44 sena residenti ż-Żurrieq u vettura tat-tip Toyota Hiace misjuqa minn raġel ta’ 41 sena residenti ż-Żejtun.

 

Kawża tal-impatt bejn iż-żewġ vetturi, intlaqtet vettura tal-għamla Fiat 500, misjuqa mill-mara.

 

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna, waqt li l-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Iktar tard hija ġiet iċċertifikata li qed isofri minn ġrieħi gravi.

 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.​