Żewġ ġuvintur u tfajla l-isptar wara inċident tat-traffiku

Numru ta' Referenza: PR_694_20, Data ta' l-Istqarrija : Ott 16, 2020
 

Ilbieraħ għall-ħabta ta’ nofsilejl neqsin kwart (2345hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq il-Wied, is-Siġġiewi.
Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li ġuvni ta’ 23 sena residenti San Ġwann tilef il-kontroll tal-vettura Mazda Demio li kien qed isuq u ħabat ġo ħajt. Fil-vettura kien hemm ukoll tfajla ta’ 22 sena residenti Ħ’Attard, ġuvni ta’ 18-il sena residenti l-Ħamrun u ieħor ta’ 21 sena residenti Ħaż-Żebbuġ.
Fuq il-post marru l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ta l-ewwel għajnuna. It-tliet passiġġieri ttieħdu b'ambulanza l-Isptar fejn ġew iċċertifikati li dak ta’ 18-il sena qed isofri ġrieħi serji filwaqt li t-tfajla ta’ 22 sena u l-ġuvni ta’ 21 sena qed isofru ġrieħi gravi.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li fetaħ Inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.