​Mara f’qagħda kritika b’daqqiet ta’ sikkina

Numru ta' Referenza: PR_63_20, Data ta' l-Istqarrija : Fra 03, 2020
 

Mara ta’ 34 sena residenti Ħal Safi tinsab f’qagħda kritika wara li tard il-bieraħ filgħaxija ndarbet kawża ta’ daqqiet ta’ sikkina. B’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija qed iżżomm taħt arrest raġel ta’ 33 sena residenti Ħal Safi.

Kienu għal-ħabta tat-tmienja u kwart ta’ filgħaxija (2015 hrs) x’ħin xi persuni daħlu fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar jirrapportaw li fuq il-bankina, fi Triq il-Kbira, f’Ħaż-Żabbar, hemm mara mitlufa minn sensiha, b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha.

Immedjatament fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett, waqt li ntalbet l-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. Mill-ewwel investigazzjonijiet illi saru rriżulta li kien għadu kemm
seħħ argument bejn mara u raġel fi stabbliment li jinsab fi Triq il-Kbira. L-argument eskala barra fuq il-bankina, u kien hawn li r-raġel allegatament ta’ daqqiet ta’ sikkina lil-mara u wara ħarab minn fuq il-post.

Fuq il-post issejħet minnufih ambulanza u tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei, bil-mara tingħata l-ewwel assistenza medika fuq il-post. Hija ttieħdet lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, bil-kundizzjoni tagħha mill-ewwel ġiet iċċertifikata li hija waħda serja.

Waqt li bdiet tfittxija għall-allegat agressur, ftit tal-ħin wara, ir-raġel ta’ ruħu b’idejħ lill-Pulizija. Huwa mar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, mimli dmija u anke kellu xi feriti f’idu. Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, arrestaw lir-raġel u saret tfittxija fuqu fejn allegatament instabet sustanza illegali, suspettata droga. Issejħet ukoll ambulanza li ħaditu l-isptar għall-kura u wara li ngħata l-assistenza medika, huwa ttieħed taħt arrest fil-Kwartieri tal-Pulizija għall-aktar stħarriġ.

Il-każ qed jiġi investigat mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħaż-Żabbar u mill-Iskwadra tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia LL.D li ordna nkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.