Inċident f’Għawdex

Numru ta' Referenza: PR_620_20, Data ta' l-Istqarrija : Set 16, 2020
 

Raġel ta’ 64 sena residenti Kerċem, Għawdex ittieħed b’emerġenza l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li waqa’ min fuq sellum.

Ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu (1100hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza ġewwa għalqa li tinsab fi Triq Saguna, s-Sannat, Għawdex.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li r-raġel waqa’ madwar sular għoli minn fuq sellum waqt li kien qed jagħmel xi xogħol ta’ manutenzzjoni  fuq kamra ta’ għalqa.

Huwa kien assistit minn tim mediku u ittieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex permezz ta’ ambulanza sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, il-Pulizija ġiet infurmata li kien iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.