​Raġel jintlaqat minn vettura f’Birżebbuġa

Numru ta' Referenza: PR_612_20, Data ta' l-Istqarrija : Set 12, 2020
 

Il-Pulizija qiegħda tfittex vettura li laqtet persuna u baqgħet sejra. Il-każ seħħ il-lejl illi għadda f'Birżebbuġa. Il-persuna milquta qiegħda ssofri minn ġrieħi serji.


Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tan-nofsiegħa (0030hrs), il-Pulizija ġew infurmati permezz ta’ telefonata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq iż-Żurrieq, Birżebbuġa minħabba li kien hemm persuna feruta mixħuta fl-art.


Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u hemm instab raġel ta’ 69 sena residenti Birżebbuġa b’diversi ġrieħi. Għaldaqstant, fuq il-post issejaħ tim mediku u ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għal iżjed attenzjoni medika. Hemmhekk, hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja.


Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Yana Micallef Stafrace LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.


Il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ sabiex tiġi stabbilità d-dinamika tal-każ, li qed jiġi ttrattat bħala hit and run.


Kull min għandu xi informazzjoni li tista' tgħin fl-investigazzjonijiet huwa mħeġġeġ jgħaddiha lill-pulizija, anke b'mod kunfidenzjali fuq in-numru 119 jew 2122 4001.


L-investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta' Birżebbuġa