​Tissokta l-ħidma tal-Pulizija bi spezzjonijiet

Numru ta' Referenza: PR_480_20, Data ta' l-Istqarrija : Aww 01, 2020
 
Il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq hija importanti biex tkun miġġielda kull tip ta’ kriminalità u anke biex it-toroq ikunu aktar siguri. Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, taqsimiet differenti tal-Korp tal-Pulizija kienu impenjati f’diversi lokalitajiet, fejn wettqu numru ta’ spezzjonijiet, kemm għad-droga, kif ukoll għal kull tip ta’ ksur ta’ regolamenti tat-traffiku.  
- Spezzjonijiet għad-droga
 
 Il-Ġimgħa filgħodu, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wettqu spezzjonijiet għall-għarrieda max-Xatt ta’ Bormla u fi Pjazza Gavino Gulia, f’Bormla. Assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), il-Pulizija waqqfu numru ta’ persuni li kienu fl-akwati u saritilhom tfittxija fuqhom rigward pussess ta’ droga, iżda rriżultaw fin-negattiv.
  
- Kontrolli tat-traffiku 

Matul il-lejl li għadda, il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta u ta’ Ħal Qormi, bl-assistenza tal-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Klieb, mis-Sezzjoni ta’ Kontra Droga u mill-Garaxx tal-Pulizija, flimkien mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, spezzjonaw 75 vettura f’kontrolli tat-traffiku.
 
L-ispezzjonijiet, li bdew fl-għaxra u nofs ta’ filgħaxija (2230hrs) u kkonludew fis-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu (0230hrs), bdew fi Triq Ħal Qormi, il-Marsa, fejn;
 
• Raġel ta’ 38 sena residenti Ħaż-Żabbar inqabad isuq vettura tal-għamla Chevrolet Cruze bla liċenzja valida,
 
• Raġel Libjan inqabad isuq vettura tal-għamla BMW 320D bla liċenzja valida,
 
• Raġel Sirjan ta’ 24 sena residenti Ħal Qormi nqabad isuq vettura tal-għamla BMW bla liċenzja valida.
 
Il-kontrolli komplew fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, fejn;
 
• Raġel ta’ 20 sena residenti Ħal Qormi nqabad isuq vettura tal-għamla Nissan March bla liċenzja valida. Minn tfittxija li saret fil-vettura, ir-raġel instab fil-pussess sempliċi ta’ sustanza suspettata droga cannabis.
 
Il-kontrolli kkonkludew fi Triq Sant’Anna, il-Furjana, fejn;
 
• Mara ta’ 41 sena residenti San Ġiljan inqabdet issuq vettura tal-għamla Ford Fusion bla liċenzja valida,
 
• Raġel ta’ 50 sena residenti Tas-Sliema rriżulta li kien qiegħed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol wara li t-test tan-nifs irriżulta fil-pożittiv,
 
• Mara ta’ 27 sena residenti Tal-Pietà nqabdet issuq vettura tal-għamla Suzuki Swift bla liċenzja valida. Minn iżjed stħarriġ, irriżulta li l-vettura kellha liċenzja skaduta u ma kinitx koperta b’polza tal-assigurazzjoni, u għaldaqstant din ġiet irmunkata minn tow-truck privat.
 
F’dawn l-ispezzjonijiet, inħarġu ukoll kontravezzjoni kontra sewwieq minħabba li ħammeġ post pubbliku billi rema sigarett fit-triq u kontra sewwieq minħabba li l-vettura li ma kellhiex il-fanali skond il-liġi.
 

Il-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront tal-persuni filwaqt li l-investigazzjonijet għadhom għaddejjin.