Inċident stradali f’Santa Luċija

Numru ta' Referenza: PR_458_20, Data ta' l-Istqarrija : Lul 27, 2020
 

Mara ta’ 40 sena, residenti Raħal Ġdid ittieħdet b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li weġġgħet f’inċident tat-traffiku f’Santa Luċija.

Kienu għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħodu (0730hrs), x’ħin il-Pulizija ġiet infurmata permezz ta’ telefonata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Dawret it-Torri, minħabba li seħħet kollużżjoni bejn vettura u mutur.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn il-vettura tal-għamla Kia Sportage, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 37 sena residenti Ħal Tarxien u l-mutur tal-għamla Piaggio, li kien qed jinstaq mill-mara.

Ix-xufiera tal-mutur ittieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hija ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.