Raġel arrestat wara li ħebb għal tliet persuni fl-Imsida

Numru ta' Referenza: PR_360_20, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 27, 2020
 
Il-Pulizija arrestaw raġel ta’ nazzjonalità barranija wara li allegatament ħebb għal tliet persuni.

Kienu għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ dalgħodu (1130hrs) x’ħin il-Pulizija ġew infurmati illi mara u raġel ġew aggrediti fi Triq Ċensu Farruġia, fl-Imsida u raġel ieħor ġie aggredit fi Triq il-Wied, fl-Imsida wkoll, x’aktarx mill-istess persuna.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-allegat aggressur l-ewwel ħebb għal mara ta’ 36 sena residenti l-Imsida, waqt li kienet miexja. Dak il-ħin, kien għaddej raġel ta’ 38 sena, residenti wkoll l-Imsida li malli ra lill-agressur jħebb għal din il-mara, huwa niżel mill-karozza u rnexxielu jwaqqfu milli jħebb għal mara oħra li kienet miexja, bil-konsegwenza li r-raġel safa aggredit mill-istess persuna. Irriżulta li l-aggressur baqa’ sejjer lejn Triq il-Wied u ħebb għal raġel ta’ 67 sena, residenti San Ġiljan.

Malli l-Pulizija ġew infurmati bil-każ, minnufih fuq il-post marru l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. Wara tfittxija li saret, il-Pulizija sabu lill-allegat agressur, żagħżugħ ta’ 20 sena mis-Senegal u residenti l-Imsida u arrestawh. Huwa ttieħed l-Għassa tal-Imsida għall-aktar investigazzjonijiet.

Il-mara ta’ 36 sena ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, waqt li ż-żewġt irġiel ingħataw il-kura f’ċentru tas-saħħa. Huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfif.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.