Ħaddiem isofri ġrieħi fil-Kalkara

Numru ta' Referenza: PR_355_20, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 25, 2020
 

Raġel mill-Bangladesh ta’ 29 sena u residenti San Pawl il-Baħar, kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident fi Triq il-Ġir, il-Kalkara.


Illum, għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinhar (1430hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li waqt li raġel Albaniż ta’ 46 sena, residenti San Pawl il-Baħar kien qed jimmanuvra gaffa li kienet qed tintuża għal-xogħolijiet fl-istess triq, ir-raġel ta’ 29 sena intlaqat mill-gaffa f’siequ waqt li kien qed jaħdem fl-istess sit u sofra xi ġrieħi.


Fuq il-post issejjaħ tim mediku li assista lir-raġel u ittieħed fl-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza sabiex jingħata il-kura meħtieġa. Aktar tard huwa kien iċċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi.


L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.