Inċident tat-traffiku f’Tas-Sliema

Numru ta' Referenza: PR_354_20, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 25, 2020
 

Raġel ta’ nazzjonalita` Kolombjana ta’ 24 sena u residenti Tas-Sliema li kien passiġġier fuq mutur, kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku.

Illum, għall-ħabta tad-disgħa u kwart ta’ filgħodu (0915hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li seħħ inċident bejn mutur u karozza fi Triq ix-Xatt, il-Gżira u kien hemm xi persuni li sofrew xi ġrieħi.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħ impatt bejn vettura tat-tip Citroen Dispatch misjuqa minn raġel ta’ 36 sena residenti Santa Venera u mutur tat-tip Yamaha YP250 misjuq minn raġel ta’ 48 sena residenti Tas-Sliema. 

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li assista lis-sewwieq tal-mutur u lir-raġel ta’ 24 sena li kien passiġġier fuq il-mutur. Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. Aktar tard is-sewwieq tal-mutur kien iċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-passiġġier kien iċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.