Inċident tat-traffiku f’Marsaskala

Numru ta' Referenza: PR_353_20, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 25, 2020
 

Mara ta’ 50 sena, residenti Marsaskala, ittieħdet l-Isptar Mater Dei, wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku.

Dalgħodu, għall-ħabta tal-ħamsa u nofs (0530hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident fi Triq il-Gardiel, Marsaskala.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li raġel ta’ nazzjonalità Taljana tilef il-kontrol tal-vettura Toyota MR 2 li kien qiegħed isuq, bil-konsegwenza li ħabat ma’ vettura tat-tip Audi li kienet ipparkjata. Fit-Toyota kien hemm il-mara ta’ 50 sena.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li assista lil mara u permezz t’ambulanza ttieħdet l-Isptar Mater Dei sabiex tingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard hija ġiet iċċertifikata li qegħda ssofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.