Mara arrestata fil-pussess tad-droga kokaina u eroina

Numru ta' Referenza: PR_352_20, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 24, 2020
 
​Il-ħidma mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kompliet fis-sigħat illi għaddew, b’qabda oħra ta’ droga kokaina u eroina.
 
Mara ta’ 30 sena residenti l-Imsida, aktar kmieni dalgħodu kienet arrestata fl-akwati tal-Pixkerija, fil-Belt Valletta. Assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ dalgħodu (1030hrs), waqfu vettura li fiha kien hemm il-mara.
 
Minn tfittxija li saret, il-Pulizija sabu 72 pakkett b’sustanza suspettata li hija kokaina u eroina.
 
Il-mara ittieħdet fil-lock-up tal-Pulizija fil-Floriana għall-aktar stħarriġ.
 
Bis-sejba kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farruġia LL.D li qiegħed imexxi Inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
 
Il-mara mistennija titressaq il-Qorti għada u tkun akkużata bil-pussess tad-droga eroina u kokaina, bl-intenzzjoni li titraffika d-droga.