Raġel jaqa’ minn għoli f’għalqa

Numru ta' Referenza: PR_293_20, Data ta' l-Istqarrija : Mej 19, 2020
 

Raġel ta’ 60 sena, residenti ż-Żejtun sofra ġrieħi serji wara li waqa’ madwar sular minn fuq il-kamra f’għalqa.

Illum, għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ wara nofsinhar (1230hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li persuna sofriet xi ġrieħi f’għalqa li tinsab fi Triq San Leonardu, ix-Xgħajra.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u minn investigazzjoni preliminari li saret irriżulta li, għal xi raġuni, ir-raġel waqa’ minn fuq kamra. Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku li ta l-ewwel għajnuna. Ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri min ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.