Nar fl-Aħrax tal-Mellieħa

Numru ta' Referenza: PR_287_20, Data ta' l-Istqarrija : Mej 17, 2020
 

Matul il-lejl illi għadda l-Pulizija ġiet infurmata mill-kamra tal-kontroll tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili, li kien hemm xi nirien qawwija fil-masġar tal-Aħrax tal-Mellieħa.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, sabu tlett kampijiet kif ukoll fossa tan-nar (fire-pit) li kienet għadha taqbad u possibilment li n-nar beda minn hemm.

Wara tfittxija fiż-żona u fil-kampijiet li kien hemm fil-madwar, il-Pulizija sabu mowbajl u rnexxielhom jagħmlu kuntatt ma’ sidu.

Sid il-mowbajl, raġel ta’ 33 sena residenti l-Furjana, ġie mitkellem mill-Pulizija, fejn irriżulta li hu, flimkien ma’ mara ta’ 29 sena residenti Raħal Ġdid u raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Safi, kienu qegħdin flimkien jikkampjaw mingħajr permess fil-post fejn beda n-nar.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li n-nar beda b'mod aċċidentali, madankollu l-persuni li kienu fil-post allegatament telqu wara li n-nar infirex f'ħakka t'għajn kawża tar-riħ qawwi li kien hemm fl-akwati.

In-nar ġie kkontrollat b'diffikulta mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili, li baqgħu fuq il-post sa sigħat wara li n-nar intefa’ kompletament. Diversi persuni oħra, flimkien mal-Pulizija assistew fl-operazzjoni.
 
Il-Pulizija se tieħu l-passi kontra t-tliet persuni fil-Qorti. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra.