Splużjoni ta' ċilindru tal-gass

Numru ta' Referenza: PR_19_20, Data ta' l-Istqarrija : Jan 10, 2020
 

Il-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ splużjoni li seħħet ilbieraħ filgħaxija f’ Ħ’Attard.

Għall-ħabta tal-ħdax neqsin kwart (2245hrs), waqt li pulizija kien qiegħed xogħol fi Triq Żnuber, sema ħoss ta’ splużjoni ġejja minn residenza viċin tiegħu.

Il-pulizija informa mill-ewwel lil Pulizija tad-Distrett ta’ Birkirkara għal iżjed assistenza, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li f’parapett ta’ residenza kienet seħħet splużjoni minħabba ċilindru tal-gass.

Bħala prekawzjoni, il-pulizija evakwat numru ta’ residenzi, inagħlqet it-triq u ġew imsejħa membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll ambulanza b’tim mediku mill-Isptar Mater Dei.

Aktar tard, ġie kkonfermat li ma kienx hemm iżjed periklu u għalhekk irritorna kollox għan-normal u t-triq reġgħet infetħet lura għat-traffiku.

Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. D. Clarke LL.D, fejn ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Disrett.