Raġel isofri ġrieħi serji wara li ntlaqat minn vettura

Numru ta' Referenza: PR_170_20, Data ta' l-Istqarrija : Mar 26, 2020
 
Kmieni dalgħodu, raġel ta’ nazzjonalità barranija ttieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li weġġa’ f’inċident tat-traffiku fiż-Żejtun.

Kienu għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħodu (0645hrs), x’ħin il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq tal-Barrani minħabba li kienet intlaqtet persuna minn vettura.

Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar jidher li r-raġel, li hu mill-Gambja, intlaqat minn van li telaq minn fuq ix-xena sakemm waslet il-Pulizija.

Il-vittma ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ambulanza ħaditu l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Waqt li bdiet tfittxija għal vettura nvoluta fl-inċident, raġel Taljan ta’ 49 sena residenti Marsaskala daħal fl-Għassa taż-Żejtun jirrapporta li kien laqat persuna.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.