Inċident stradali fin-Naxxar

Numru ta' Referenza: PR_167_20, Data ta' l-Istqarrija : Mar 24, 2020
 

Raġel kellu jittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar.

Ilbieraħ, għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ wara nofsinhar (1630hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet kollużżjoni fi Triq is-Salina u kawża t’hekk, hemm xi nies li sofrew xi ġrieħi.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn rota li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 46 sena residenti n-Naxxar u vettura tal-għamla Mercedes Benz, li kienet qed tintsaq minn raġel ta’ 51 sena residenti l-Iklin.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet liċ-ċiklist l-isptar għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.

 

​​