Raġel isofri ħruq f’kumpless tan-nar

Numru ta' Referenza: PR_153_20, Data ta' l-Istqarrija : Mar 18, 2020
 

Illum, għall-ħabta tat-tlieta neqsin għaxra ta’ wara nofsinhar (1450hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm ittieħed raġel fl-Isptar Mater Dei wara inċident f’kumpless tan-nar li jinsab fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Qadi, fis-Salini, limiti tan-Naxxar.


Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li fil-ħin tal-inċident, kien hemm raġel ta’ 27 sena, residenti n-Naxxar, li sofra xi ħruq u ittieħed minn persuna oħra lejn l-isptar. 
Iktar tard, il-Pulizija ġiet infurmata li r-raġel qiegħed isofri minn ġrieħi serji.


Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima LL.D, li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.


L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadha għaddejja.