Każ tal-Omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia

Numru ta' Referenza: PR_730_19, Data ta' l-Istqarrija : Diċ 06, 2019
 
Fid-dawl ta’ diversi mistoqsijiet min-naħa tal-istampa, il-Pulizija tixtieq tispjega li għalkemm diġa’ tressqu l-Qorti erba’ persuni b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin b’mod intensiv.

Dawn l-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Iskwadra tal-Omiċidji, l-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Ekonomiċi u bil-kollaborazzjoni attiva tal-Europol. L-investigazzjonijiet kollha qed isiru taħt il-kappa tal-Inkjesta Maġisterjali.

Kull informazzjoni li l-Pulizija ġabret f’dawn l-aħħar jiem qiegħda tiġi investigata. B’konnessjoni mal-investigazzjonijiet li għaddejjin, il-Pulizija wettqet u qed twettaq aktar tfittxijiet f’diversi postijiet. Anke ġew qed jiġu mitkellma numru ta’ persuni oħra relatati mal-każ.

Il-Pulizija tixtieq tiċċara li wieħed irid jifhem li minħabba s-sensittivita’ ta’ dawn l-investigazzjonijiet, il-Pulizija, f’dan l-istadju, mhiex qiegħda f’pożizzjoni li tagħti aktar dettalji, hekk kif jistgħu jippreġudikaw il-każ.