Inċident stradali fis-Siġġiewi

Numru ta' Referenza: PR_719_19, Data ta' l-Istqarrija : Diċ 01, 2019
 

Raġel ta’ 42 residenti ż-Żurrieq u tifel ta’ 10 snin sofrew ġrieħi wara li kienu involuti f’inċident stradali fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi, is-Siġġiewi.

Il-Pulizija kienu infurmati għall-ħabta tan-nofsillejl (2400hrs), li kien hemm bżonn l-assistenza fl-imsemmija triq wara li kienet seħħet ħabta bejn vettura u arblu tad-dawl.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li waqt li l-vettura tat-tip Suzuki Ignis kienet qed tinstaq mir-raġel għal xi raġuni tilfet il-kontrol u kellha impatt m’arblu tad-dawl. It-tifel kien passiġġier fl-istess vettura.

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu liż-żewġ vittmi li kienu maqbuda fil-vettura. Issejjaħ ukoll tim mediku li taw l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li t-tifel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.