Raġel jinstab mejjet fil-Marsa

Numru ta' Referenza: PR_715_19, Data ta' l-Istqarrija : Nov 29, 2019
 

Il-Pulizija qed tinvestiga s-sejba ta’ raġel mejjet tard il-bieraħ bil-lejl fil-Marsa.

Kienu għall-ħabta tal-ħdax u nofs (2330hrs) x’ħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm raġel mixħut mal-art fuq il-bankina fil-ħaxix fi Triq Diċembru Tlettax u li kellu xi ġrieħi.

Sfortunatament il-vittma, li l-identita’ tiegħu għadha mhiex identifikata, imma li x'aktarx huwa ta' nazzjonalità barranija, ġie iċċertifikat mejjet fuq il-post minn tim mediku li kien imsejjaħ sabiex jassisti.

Il-Pulizija għaddejja bl-istħarriġ dwar il-każ sabiex tiġi stabbilita’ d-dinamika ta’ dak li seħħ, inkluż x’seta wassal għall-mewt. Jidher li l-vittma kellu feriti permezz ta’ arma li taqta u bil-ponta f’sidru.

Bil-każ ġie infurmat il-Magistrat tal-Għassa Dr. Victor Axiaq LLD. li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh. Dalgħodu mistennija ssir awtopsja preliminarja sabiex tkun stabbilita` il-kawża tal-mewt.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u tad-Distrett.