Permezz ta’ prekawzjonijiet bażiċi, bħal dawn li ġejjin, wieħed ikun qed inaqqas il-possibilta li jispiċċa vitma meta jkun qed juża l- internet:
Huwa importanti li wieħed ikollu stallat fuq il-kompjuter tiegħu programmi li jħarsu lill-kompjuter tiegħu minn programmi malizzjużi u aċċess mhux awtorizzat. Dawn it-tip ta’ programmi (bħal m’huma programmi anti-virus, firewalls eċċ) huma importanti ħafna għaliex mhux biss jkunu qed jipproteġu il-kompjuter nnifsu, imma anke l-informazzjoni personali li dak li jkun jkollu miżmum fuqu. Wieħed għandu dejjem jieħu ħsieb li dawn it-tip ta’ programmi ma jintfew qatt, jiġu aġġornati regolarment u li jkunu qegħdin janalizzaw l-informazzjoni li wieħed jirċievi permezz ta’ posta elettronika jew minn siti elettroniċi oħra
Wieħed għandu jħares lejn il-password tiegħu daqs li kieku hija ċ-ċavetta tad-dar tiegħu. Il-password hija xi ħaġa personali li dak li jkun m’għandux jgħid lil ħaddieħor x’inhi. Huwa importanti li, kemm jista jkun, dejjem tiġi użata password unika li mhux faċli li wieħed jaqtaha u li tinkludi kemm ittri kif ukoll numri
Informazzjoni personali għanda tingħata biss meta wieħed jaf għalxiex din ser tiġi użata. Il- maġġoranza tas-siti elettroniċi jkollhom il-politika tal-privatezza dwar kif ser tiġi użata l- informazzjoni li wieħed jagħti. Tajjeb li wieħed dejjem iżomm kontroll dwar l-informazzjoni personali u ritratti tiegħu li tkun tinstab f’siti elettroniċi soċjali kif ukoll dwar min għandu id-dritt biex jara din l-informazzjoni
In-numru tal-karta tal-kreditu m’għandu qatt jintbgħat f’messaġġ elettroniku. Wieħed għandu jara li qed jagħti din it-tip ta’ informazzjoni permezz ta’ sit elettroniku sikur jew ifittex metodu alternattiv biex iħallas.
Mhux kull ma jleqq hu deheb. Wieħed għandu dejjem jistaqsi lilu nnifsu jekk jafx jekk il-persuna/ kumpanija li sejjer jixtri mingħanda hija waħda magħrufa kif ukoll jafx dwar x’rimedji hemm jekk ikun hemm diffikulta b’dak li jkun xtara. Ċertu siti elettroniċi reputabbli jagħtu informazzjoni dwar esperjenzi ta’ persuni oħra li jkun xtraw qabel mill-istess persuna/kumpanija. Din it- tip ta’ informazzjoni mhux ta’ min wieħed iwarrabha għax f’numru ta’ każijiet tagħti indikazzjoni tajba ta’ x’wieħed għandu jistenna meta ser jixtri mingħand dik il-persuna/kumpanija.
Diversi drabi wieħed jirċievi messaġġi b’opportunitajiet sabiex jagħmel somma kbira ta’ flus jew sabiex isarraf rebħ f’lotterija li ma jkunx ipparteċipa fiha. F’każijiet bħal dawn wieħed għandu dejjem juża l-internet bħala sors ta’ informazzjoni u jagħmel riċerka dwar dan il-messaġġ qabel ma jirrispondi dawn it-tip ta’ messaġġi jew jibgħat xi flejjes. Tinsiex: Il-mistoqsija oħt il-għerf!
Ir-rwol tal-ġenitur illum huwa importanti iktar minn qatt qabel. Wieħed għandu dejjem jkun konxju ta’ x’tip ta’ siti elettroniċi qegħdin jżuru t-tfal tiegħu waqt li jkunu fuq l-internet kif ukoll jkun kapaċi jiddiskuti mat-tfal il-benefiċċji ta’ l-użu responsabbli tat-teknoloġija. L-użu ta’ programmi li jillimitaw l-aċċess għal ċertu tip ta’ informazzjoni huwa rakkomandat, madankollu dawn it-tip ta’ programmi m’għandhom qatt jieħdu post is-superviżjoni u parteċipazzjoni attiva minn naħa tal-ġenitur fl-esperjenza ta’ tfal fuq l-internet
F’każ ta’ diffikulta jew mistoqsijiet, wieħed huwa mħeġġeġ li jagħmel kuntatt mas-Cyber Crime Unit fuq in- numru tat- telefon (+356) 2294 2231 jew l- indirizz elettroniku
[email protected]