L-akkwist ta’ tletin two-way radio ġdid biex b’hekk imtela l-vojt għall-uffiċjali li jaħdmu fil-qasam tal-immigrazzjoni jew sorveljanza tal-fruntieri ta’ Malta. Dan hu apparat ferm importanti speċjalment fejn tidħol sorveljanza u ma jkunx hemm telefon jew kompjuters. L-uffiċjali jkunu jistgħu jikkomunikaw xi jkun għaddej mingħajr ħlas u wieħed jista’ jilħaq lil grupp sħiħ mingħajr il-bżonn li jikkomunika individwalment.
Tletin hand held biometric device li dawn ukoll jgħinu lill-uffiċjali li jaħdmu mal-fruntieri mingħajr aċċess ta’ kompjuter. Infatti dan l-apparat għandu l-faċilità (permezz ta’ sistema 3G) jikkomunika ma’ sistemi oħra biex iqabbel u jiċċekkja persuni mas-sistemi tas-sigurtà. B’hekk l-uffiċjali li jgħassu xtutna ser ikunu aktar attrezzati u aktar effiċjenti bl-istħarriġ tagħhom għan-nies residenti illegalment, dawk b’dokumenti foloz u anki dawk riċerkati internazzjonlament.
Żewg proġetti oħra huma dawk li saru min-naħa tan-National Schengen Unit, jew kif aktar hi magħrufa bħala l-IT Section. Proġett minnhom jinqasam fi tnejn; parti li tikkumplimenta s-sistema eżistenti tal-kontroll tal-fruntieri, sabiex marki tas-swaba’ ta’ persuni li jkunu ser jaqsmu l-fruntieri taz-zona Schengen, ikunu jistgħu jiġu mqabbla ma’ dawk tas-sistema ewropea tal-Visas, imsejħa il-VIS. It-tieni parti tikkonsisti fix-xiri ta’ sebgħa u tletin kompjuter flimkien mal-apparat meħtieġ, sabiex il-kontroll fil-fruntieri jkun jista’ kemm jiżdied fl-effiċjenza kif ukoll jiġi estiż ghal bnadi oħra, inkluż għall-Akkademja tal-Pulizija sabiex ikun jista’ jingħata t-taħriġ meħtieg. Dan l-apparat bijometriku jaqra kemm marki tas-swaba’ kif ukoll passaporti.
Il-proġett l-ieħor jikkonċerna l-immodernizzar tan-National Schengen Unit, kemm tal-binja nnifisha kif ikoll tal-apparat ta’ sigurtà fl-istess binja, inkluż dak tal-kontroll tal-aċċess kif ukoll dak tat-tifi tan-nar. Permezz ta’ dan il-proġett, il-livell tas-sigurtà f’din il-Unit sar wieħed massimu, kif ukoll l-ambjent biex wieħed jaħdem fih sar wieħed attraenti, u dan kif xieraq li jkun peress li l-apparat ta’ sigurtà nazzjonali u internazzjonali qiegħed miżmum hawn.
APIS - Advance Passenger Information System. Dan kien l-akbar proġett kemm bħala flus kif ukoll bħala mertu għax b’hekk Malta issa tista’ titqies aktar avvanzata fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni u trasport marittimu. Inxtara apparat li għandu l-kapaċità li jiġbor l-informazzjoni bikrija mingħand il-linji tal-ajru kif ukoll tal-vapuri tal-passiġgieri. Dan l-apparat iqabbel l-informazzjoni mal-listi internazzjonali kif ukoll lokali u b’hekk jidentifika l-persuni kriminali, dawk b’dokumenti foloz u immigrazzjoni irregolari jew illegali qabel ma jaslu fit-territorju Malti. Dan ifisser li issa mhux se jkun hemm wisq nies li jerġgħu jintbagħtu lura għax dawn jiġu mwaqqfa minn qabel ma jitilqu mill-post ta’ imbarkazzjoni.