L-istruttura preżenti tal-Korp tal-Pulizija ta' Malta ġejja minn Proklamazzjoni matul il-gvern ta' Sir Thomas Maitland (1813-1814). Meta Malta kienet ġiet kolonja tal-Gran Brittanja u l-Irlanda bit-trattat ta' Parigi, Maitland inħatar Gvernatur u Kmandant ta' Malta u l-gżejjer tagħha mill-Kummissjoni tal-Prinċep Reġent fit-23 ta' Lulju 1813. Mal- ħatra tiegħu, Maitland, nieda riformi kbar u impenjattivi, fejn fost dawn kien hemm dik li tirrigwardja ż-żamma tal-liġi u l-ordni.
Bil-Proklamazzjoni XXII tal-1 ta' Lulju 1814, Maitland ordna u dderiġa li l-poter li sa dak iż-żmien kien qed jiġi eżerċitat mill-amministrazzjoni tal-Pulizija tal-gżejjer Maltin, wara it-12 ta' Lulju 1814, jiġi amministrat mill-awtoritajiet taħt proċeduri stabbiliti.
Il-Pulizija ta' Malta ġiet maqsuma f'żewg dipartimenti distinti - dik li hi l-Pulizija Eżekuttiva u dik li hi l-Pulizija Ġudizzjarja. L-Ispettur Ġenerali tal-Pulizija (llum il-Kummissarju tal-Pulizija) kellu jkun hu li jmexxi l-Pulizija Eżekuttiva. Il-Maġistrati ta' Malta u l-Maġistrati tal-Pulizija għal Għawdex kellhom ikunu huma li jmexxu l-Pulizija ġudizzjarja.
Mit-12 ta' Lulju 1814 ‘il quddiem, l-immaniġġjar kollu u l-kontroll tal-Pulizija Eżekuttiva kellha tiġi ssorveljata immedjatament mill-Ispettur Ġenerali tal-Pulizija fejn dan kien jirċievi ordnijiet mill-Gvernatur.
Wara li fl-1921 Malta ngħatat mill-Gran Brittanja gvern responsabbli, id-Dipartiment tal-Pulizija waqa' taħt ir-responsabbilità tal-gvern lokali. L-ewwel ministru maħtur, li kien responsabbli għall-Ġustizzja u l-Pulizija kien Dott. Alfredo Caruana Gatto.
Il-Korp tal-Pulizija ta' Malta huwa wieħed mill-eqdem korpijiet tal-pulizija fl-Ewropa.
Objettivi prinċipali tal-Korp tal-Pulizija ta' Malta:
(a) li jżomm l-ordni u l-kwiet pubbliku, li ma jħallix li jsiru reati, li jġib ’il quddiem u jwettaq it-tħaris tal-liġijiet, bħala l-ewwel garanzija tad-drittijiet tal-persuni kollha f’Malta, ukoll qabel ma tkun meħtieġa xi azzjoni permezz tas-sistema ġudizzjarja għar-ripressjoni, sanzjoni jew rimedju ta’ ksur;
(b) li jirrispondi minnufih għal kull talba għall-ħarsien u l-intervent tal-liġi;
(ċ) li japplika l-liġi mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi bħal razza, kulur, lingwa, reliġjon, sess, orjentazzjoni sesswali, identità sesswali, diżabbiltà, opinjoni politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid jew status ieħor;
(d) li jġib ’il quddiem il-koeżistenza ordinata u paċifika tal-persuni kollha f’Malta, filwaqt li jieħu ħsieb kif dovut mhux biss tad-drittijiet dwar il-proprjetà privata imma wkoll dwar il-proprjetà pubblika;
(e) li jfittex li jħares l-ambjent;
(f) li jgħin, f’limiti raġonevoli, lil kull persuna li tkun qed tfittex l-għajnuna ta’ pulizija jew xi uffiċjal pubbliku ieħor ukoll jekk ir-responsabilità biex fl-aħħar mill-aħħar tiġi pprovduta dik l-għajnuna, ma tkunx tappartjeni lill-Korp; u
(g) li jwettaq onestament u effettivament dawk id-dmirijiet kollha lilu bl-Att Dwar il-Pulizija (Kapitlu 164) al-Liġijiet ta' Malta jew b’xi liġi oħra.
Missjoni:
Li nipprovdu servizz professjonali u fdat biex niżguraw pajjiż sikur bi sħubija mal-komunità.
Viżjoni:
Li l-komunità tafdana biex niżguraw soċjetà sikura għal kulħadd.
Struttura tal-Korp tal-Pulizija ta' Malta:
Malta hija maqsuma f'żewġ reġjuni - Reġjun A (Nofsinhar) u Reġjun B (Tramuntana u Għawdex). Kull reġjun huwa mmexxi minn Assistent Kummissarju. Reġjun A jikkonsisti f'Distretti 1 sa 6 filwaqt li Reġjun B jikkonsisti f'distretti 7 sa 12. Kull distrett huwa mmexxi minn Supretendent.
Fis-sena 2019 ġie introdott il-kunċett tal-Pulizija għall-Komunità bħala proġett pilota u fil-preżent f'70% ta' Malta hemm il-Pulizija għall-Komunità. Dan il-kunċett huwa pjanat li jiġi estiż għall-kumplament ta' Malta sal-aħħar tas-sena 2023.
Hemm ukoll numru ta' sezzjonijiet investigattivi u operattivi, li jinkludu fost oħrajn:
- Il-Laboratorju tal-Forensika
- Central Intelligence & Analysis Unit
- Id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri
- Id-Dipartiment tas-Cyber u l-Vittmi Vulnerabbli
- Id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji
- Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u s-Sigurtà
- Il-Unit tas-Support Operattiv
Link għall-Organigramma:
https://pulizija.gov.mt/en/police-force/Documents/Organisational%20Chart%20%28Public%29.pdf